In-nisa fil-kostruzzjoni kien is-suġġett taħt il-lenti ta’ konferenza organizzata mill-Malta Chamber of Construction Management li għarblet l-opportunitajiet li għandu dan is-settur għan-nisa kif ukoll l-isfidi li jiltaqgħu magħhom.
Waqt li għaraf li bħal oqsma oħra, in-nisa b’xogħol fil-kostruzzjoni żdiedu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, qal li hemm lok li n-nisa f’din l-industrija jiżdiedu aktar.
F’konferenza organizzata mill-Malta Chamber of Construction Management, ġew diskussi l-isfidi tan-nisa biex jaħdmu f’settur li tradizzjonalment hu dominat mill-irġiel, dak tal-kostruzzjoni. Id-diversi nisa li tkellmu, fosthom periti jew managers ta’ proġetti, semmew punti ta’ sfida bħal xogħol ma’ rġiel barranin, ħafna drabi ta’ reliġjonijiet differenti, li jaf iħarsu lejhom minn lenti differenti. Semmew ukoll il-bżonn li minkejja li dan hu qasam b’ħafna aktar irġiel, il-mara kemm f’dan is-settur u anke f’oħrajn, għandha tingħata ċ-ċans turi li hi kapaċi f’xogħolha.
Il-President tal-Malta Chamber of Construction Management, Jesmond Chetcuti, qal li fil-kostruzzjoni n-nisa jista’ jkollhom rwol importanti ħafna li mhux neċessarjament ikun fuq il-lant tax-xogħol. Semma bħala eżempji, l-ippjanar u d-disinn tal-proġett, fost affarijiet oħra.
L-iskop tagħha huwa li ninkoraġġixxu iktar nisa biex jipparteċipaw fis-settur tal-kostruzzjoni. Aħna bħalma kellna s-sena li għaddiet u dis-sena, ridna nuru li s-settur tal-kostruzzjoni mhuwiex marbut li s-settur li n-nies jaraw fuq is-siti imma hemm iktar xogħlijiet u tasks u responsabbilitajiet li n-nisa jistgħu jkunu parteċipi fil-lifecycle ta’ proġett.
Jesmond Chetcuti – President Malta Chamber of Construction Management
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, qal li r-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol żdiedet minn 47% fl-2013 għal 80% fl-2023.
Huwa qal li n-nisa qed jiżdiedu wkoll fil-kostruzzjoni u żied jgħid li b’dan il-mod qed ikissru ħafna ostakli li kienu jsibu qabel.
Għal Dr Attard, konferenzi ta’ din ix-xorta jagħtu pjattaforma lil diversi msieħba biex isir it-tibdil meħtieġ f’dan il-qasam li hu importanti kemm għall-ekonomija kif ukoll għad-dimesjoni soċjali tal-pajjiż.